Nhar l-Erbgħa 20 ta’ Ġunju, 2018, l-Ing. Karl Farrugia inawgura l-ftuħ tal-uffiċini ġodda tat-Taqsima Ċentrali ta’ Akkwist u Provvisti fil-Qasam Industrijali ta’ San Gwann, San Gwann SGN3000, biex b’hekk immarka tragward ieħor ta’ suċċess fl-istorja ta’ dan id-dipartiment.

Fl-indirizz qasir tiegħu, l-Ing Karl Farrugia, Kap Eżekuttiv tas-CPSU Saħħa, irrimarka kif “is-CPSU evolviet matul is-snin minn imħażen u uffiċċji mifruxin f’diversi postijiet f’Malta, bħall-Marsa, Madliena, Gwardamanġa u diversi lokalitajiet oħra, għal post wieħed ċentralizzat għall-uffiċini u l-imħażen kollha tal-akbar dipartiment tal-akkwist u d-distribuzzjoni pubbliku f’Malta”.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tat- Taqsima Ċentrali ta’ Akkwist u Provvisti qal li t-tragward tal-lum kien fil-fatt it-tlestija tat-tieni fażi tal-proġett, li diġà ġabar l-imħażen periferali tal-mediċina f’ċentru wieħed ta’ ħażna u distribuzzjoni.

L-iżvilupp tal-proġett għadu nofs triq peress li huwa ppjanat li jinbena sular ġdid fuq il-blokka amministrattiva, kif ukoll l-espansjoni tas-sezzjoni tal- imħażen sabiex jakkomodaw aktar il-funzjonijiet tas-CPSU.

Ing. Karl Farrugia qal li “L-attività tal-lum mhix dwar il-bini l-ġdid jew il-prodotti akkwistati u fornuti mid-Dipartiment iżda fil-fatt tikkonċerna l-qawwa u l-għaqda tal-individwi li jaħdmu hawn, li matul il-ħidma tagħhom ta’ kuljum jagħmlu dan kollu possibbli”

“Kull individwu li jaħdem fis-CPSU huwa importanti u essenzjali għall-għanijiet ta’ suċċess milħuqa mis-Settur tas-Saħħa f’Malta. Eżempju ċar huwa l-Istrateġija għall-Eliminazzjoni tal-Virus tal-Epatite Ċ f’Malta, imnedija ġurnata qabel mill-Ministeru għas-Saħħa. u li għalih is-CPSU kellu r-rwol ewlieni biex jinbeda dan il-pjan ta’ kura kurattiva Fis-snin li ġejjin, Malta se tkun waħda mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li telimina din it-theddida għas-saħħa pubblika.”

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-CPSU rringrazzja lill-impjegati kollha preżenti għal din l-okkażjoni, f’isem kull pazjent li qed jingħata l-kura bis-saħħa tas-servizzi tas-CPSU kif ukoll lill-qraba u l-familji tagħhom. Huwa esprima l-gratitudni tiegħu lill-impjegati kollha għax-xogħol iebes, l-isforzi u d-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li sostna li huma l-pedament tas-suċċess kollu miksub mis-CPSU.

Din l-okkażjoni ġiet imfakkra biċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fl-imħażen u t- tqegħid ta’ plakka kommemorattiva fil- uffiċċju prinċipali tas-CPSU. Dan ġie segwit minn riċeviment għall-membri kollha tal-persunal tas-CPSU.